APPREZZAMENT

Kommemorazzjoni tal-50
Anniversarju mill-Mewt
ta' Dun Karlu Manché

Omelija mogħtija minn Dun Alfred Manché
fil-Knisja Parrokkjali 
tal-Gżira fis-17 ta’ Novembru 2000

Il-lejla qiegħed nħossni imbarazzat mhux ftit billi se jkolli nitkellem fuq wieħed minn tal-familja tiegħi. Qed inħossni kif jgħid il-Latin: “Cicero pro domo sua” – “Ċiċerun jiddefendi lilu nnifsu”; jew kif jgħid il-Malti: “Jiftaħar b’rixu”. Min-naħa tiegħi però m’hemm l’ebda wieħed minn dawn is-sentimenti. Se nkellimkom fuq dak li naf jien, mill-esperjenza żgħira tiegħi, fuq Dun Karlu Manché – (meta miet kelli biss sbatax il-sena u kont ili diġà erbgħa snin is-Seminarju) – u minnha ninterpreta l-ħajja tiegħu ta’ saċerdot twajjeb, ta’ fidi, ta’ karità, u ħabrieki fl-appostolat.

Qabel xejn isimgħu dawn il-ftit versi mill-­Ktieb tas-Salmi:

  • “Ħenjin dawk li jaġixxu bil-ġustizzja u jħarsu l-liġi t’Alla f’kull ħin”.
  • “Ħieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej u jsib ferħ kbir fil­kmandamenti tiegħu”.
  • “Ħieni l-bniedem ta’ kondotta integra, li jimxi fuq il-liġi tal-Mulej.”
  • “Ħieni dak li hu fidil għat-tagħlim tiegħu, u li jfittxu b’qalbu kollha”.

Fl-ewwel qari mill-Ktieb tal-Għerf smajna: “Tassew boloh minn natura dawk il-bnedmin kollha li għexu mingħajr ma għarfu ‘l Alla, u mill-ġid viżibbli (li raw b’għajnejhom) ma għarfux li min ħalaqhom. Jekk, imsaħħrin mis-sbuħija tagħhom, ħasbuhom allat, ħa jaħsbu kemm hu aktar kbir il-Mulej tagħhom, għax ħalaqhom l’istess awtur tas-sbuħija.”

L-ewwel ħsieb fuq Dun Karlu, marbut ma dawn is­ siltiet, huwa d-distakk li kellu mill-affarijiet sbieħ u tajbin. Lill min kien jgħidlu: “Kappillan, kemm hi sabiħa din,” minnufih kien iwieġeb: “Togħġbok? Ħuda.” Marbut ma’ dan id-distakk mill-affarijiet hija l-istmerrija tal-unuri. Darba, mingħalija fiċ-­ċelebrazzjoni tat-twaqqif tal-Banda, in-nies tal-­Każin ferħanin bl-avveniment, li kien għal żmien mhux qasir studjat biex il-Każin ikun tassew post ta’ formazzjoni, (infatti, kien ħareġ bħala ‘branch’ tal-fergħa tal-Irġiel tal-Azzjoni Kattolika), resqu lejh diversi rġiel u ppruvaw jerfgħuh fuq spallejhom. Tant irreżista li ċċaqalqulu xi tliet kustilji. U niftakar li kien ġie l-Professur Craig li kien joqgħod Ta’ Xbiex, u qegħdhomlu f’posthom b’teknika, nistgħu ngħidu rudimentali: b’irkopptu f’nofs dahru ġibidlu spallejh it-tnejn lura – żewġ ċaqċiqiet tal-għadam – u kollox mar f’postu.

Il-ħeġġa għall-appostolat

Il-ħeġġa għall-appostolat kienet tidher mill-­inizzjattivi u l-attività pastorali. Nibda biex ngħid li kien iżomm ruħu aġġornat fit-tagħlim tal-knisja. Kien jixtri u jaqra kotba ta’ teologi “di punta” ta’ żmienu, per eżempju : Henri De Lubac. Il-katekiżmu ta’ kull ġimgħa fil-knisja, dover sagrosant tal-kappillan: għat-tfal fit-tlieta ta’ wara nofsinhar u għall-kbar fil-ħamsa. Mhux l-ewwel darba li l-mama kienet toħodni magħha biex ma noqgħodx waħdi d-dar, u kont nispiċċa rieqed b’rasi fuq spallejha. Mal-katekiżmu kienet marbuta d-dixxiplina. Mill-attendenza tal-katekiżmu tat-tfal ta’ nhar ta’ Ħadd kien jiddependi l-biljett tal- preċett tal-Għid. Kull nhar ta’ Ħadd kienu jagħtuna tessera tonda, kulur kannella u il-kelma GŻIRA stampata fuqha. Min mit-tfal, fiż-żmien tat-tberik (meta kienu jingħataw lill-familji l-Buluttini bojod, wieħed kull persuna), ma kienx ikollu n-numru ta’ tesseri tondi meħtieġa, kien jibqa’ mingħajr buluttin, u allura mingħajr preċett. Kemm konna nibżgħu li nibqgħu mingħajru. Għalhekk kull nhar ta’ Ħadd il-knisja kienet tkun mimlija daqs bajda. Il-katekiżmu kien jispiċċa b’rakkont ta’ episodju attraenti mill-Bibbja u t-tlugħ bil-polza ta’ xi premjijiet. Għaldaqstant Dun Karlu kien qed jaħseb jaqleb għall-Malti xi partijiet mill-Bibbja: (għandi ftit minn dan il-materjal).

l-Azzjoni Kattolika

Il-laqgħat tal-fergħa tal-Irġiel tal-Azzjoni Kattolika (A.K.) kienu regolari kull ġimgħa. Il-pjan terren tad-dar tal-Kappillan saret iċ-Ċirklu tal-A.K. tal-Irġiel u tas-Subien. Hemm kienu jitlestew il-festuni u l-pavaljuni fuq qafas tal-injam imżejnin b’weraq tal-kartonċin miżbugħin ħodor. Il-ġnien kien inbidel f’sala tat-teatrin. In-Nisa tal-A.K. kienu jiltaqgħu fil-knisja mal-Viċi, Dun Manwel Zammit u l-Fergħa tal-Bniet fl-iskola tas-Sorijiet f’Ponsomby Street.

Id-dedikazzjoni għall-kunfissinarju

Barra l- orarju normali ta’ nhar ta’ Sibt – meta kienu jiġu regolarment numru ta’ qassisin u patrijiet minn barra l-parroċċa biex jgħinu fil-qrar (Patri Guido d-Dumnikan kien beda jiġi minn mindu kont tifel jien u baqa’ jiġi l-Gżira sa ma miet ftit ilu) – Dun Karlu kellu l-ġurnata personali tiegħu għall-qrar tal­penitenti nhar l-Erbgħa fi t-tlieta ta’ wara nofsinhar. Normalment, wieħed minna tal-familja, konna mmorru nqajmuh u neħdulu kikkra kafè iswed fit-tlieta; imma nhar ta’ Erbgħa konna mmorru ftit qabel, minħabba l’orarju tal-qrar. Mid-direzzjoni fil­-konfessjunarju kienu ħarġu ħafna vokazzjonijiet reliġjużi – fosthom tlieta minn ħuti.

Il-konverżjoni tal-protestanti

Fi żmien il-gwerra hawn Malta kien hawn ħafna Ingliżi. Bil-kuntatti mal-Maltin speċjalment minħabba fiż-żwieġ, diversi kienu jinteressaw ruħhom fir-reliġjon kattolika. Dun Karlu għallem, ipprepara u għammed diversi protestanti, kemm mill-parroċċa u kemm oħrajn li kienu jintbagħtu għandu minn Kappillani oħra. Il-Magħmudija tal-konvertiti dak iż-żmien, ma kienetx issir fil-pubbliku, imma fil-kor, wara l-altar.

It-tqarbin tal-morda

Parti oħra mill-apostolat ta’ Dun Karlu kienet it-tqarbin tal-morda. Ta’ spiss, wara l-quddiesa tat-tmienja, kien imur iqarben il-morda. U meta kien ikun hemm xi każ gravi, kien imur anki kulljum. Kien jippreferixxi jieħu lil xi ħadd miegħu. Fiż-żmien tal-vaganzi, kultant kont immur nikkumpanjah. F’din il-ħidma nista’ ngħid li antiċipa l-Konċilju Vatikan II. Kif? ls-sawma għat­tqarbin, dak iż-żmien, kienet tibda minn nofs il-lejl. Darba morna biex iqarben lil Marì, li kienet toqgħod f’Garden Street u għal xi żmien kienet tagħmilha ta’ seftura fid-dar tal-kappillan meta l-qassisin tal-parroċċa kienu jgħixu flimkien. Marì kienet tbati bid-dijabete. Kienet taf tagħmel l-injezzjoni tal-insulina waħedha. Dik l-għodwa Dun Karlu staqsiha: “Ħadt xi ħaġa dal-għodu, Marì?” “Le, sur Kappillan, għax peress li rrid nitqarben.” “Ferra tazza ħalib u ixrobha issa,” qalilha. Wara qarbinha. Issa, fiż-żmien ta’ wara l-Konċilju, l-ħin tas-sawm qabel it-tqarbin, għall-morda fil-bżonn, huwa ddispensat.

Id-dixxiplina u l-ordni fil-Knisja

ll-bankijiet minflok is-siġġijiet. L-ewwel tentattiv ta’ ktejjeb bi ftit paġni b’talb bil-Malti għall-waqt il-quddiesa. Il-‘pamphlets’ tal-Catholic Truth Society. L-ilbies fil­knisja. Kien diġà marid u irtirat fil-kamra. Għall-bidu ta’ Diċembru kellu jiżżewweġ ħija. Sar jaf mingħand ħija ieħor li l-ilbies tal-bridesmaids kienu daqsxejn skullati. Kont mort nara għandux bżonn ta’ xi ħaġa u sibtu nkwetat u aġitat mhux ftit. “Mur sejjaħ lill-mummy u għidlha tiġi issa stess. U qabel ma kellu l-kelma ta’ ħija li assigurah: “Jekk hemm bżonn it-tieġ isir anki mingħajr bridesmaids”, ma ikkalmax.

Il-ġlieda kuraġġuża tiegħu kontra l-prostituzzjoni

Fl-aħħar insemmi l-ġlieda kuraġġuża tiegħu kontra l-prostituzzjoni. Il-Gżira, speċjalment fiż-żmien tal-gwerra, kienet imsejjħa “tal-barmaids”. Quddiem il-baħar kien mimli ‘bars’ wieħed ħdejn l-ieħor. Il-baħrin tal-Forti Manoel kienu, kull fil­għaxija, jgħaddu minn ‘bar’ għall-ieħor. Għalhekk il-propjetarji kienu jingaġġaw in-nisa biex ikollhom aktar klienti. Kienet magħrufa r-ronda ta’ bil-lejl tal-Kappillan Dun Karlu akkumpanjat mis-Surġent tal-pulizija, s-sur Grima, raġel mibni sewwa ta’ dixxiplina singulari. Kullħadd kellu suġġezzjoni minnu. Aħna t-tfal konna nilgħabu l-ballun fit-triq. Imma malli wieħed minna kien jilmaħ is-Surġent ħiereġ mill-għassa tas-Savoy (il-Marshall Court kien għadu għalqa) ilkoll konna naħarbu niġru d-dar. Minn dawk in-nisa, ħafna kienu mgħejjunin mill-Kappillan anki finanzjarjament. lx­xniegħa kienet li lil x’uħud minnhom kien iħallsilhom anki l-kera tad-dar biex jinkuraġġihom ibiddlu ħajjiethom.

X’kien il-fundament, x’kien hemm li jsostni il-ħidma apostolika tiegħu?

Kulljum, wara li jgħalaq l-uffiċċju – minn nofsinhar san-nofs siegħa – kien jagħmel il-meditazzjoni. Il-motto tiegħu kien: “Quod faciendum est, citius faciendum est.” – bil-Malti: “Dak li għandek tagħmel, għamlu mill-aktar fis.” Sibtu miktub minn idejh fuq karta f’wieħed mill-kotba li kien juża biex jimmedita. Spiss, kważi kull ġimgħa, nhar ta’ Ħamis, kien imur għand Dun Pawl Galea, San Ġiljan. Kienet l-opinjoni komuni li Dun Pawl kien il-konfessur tiegħu u għalhekk kien imur għandu regolarment biex iqerr u biex jitkellmu flimkien ta’ ħbieb. Xi drabi konna noħorġu miegħu, meta jkun ġa dalam, u fit-triq konna ngħidu r-rużarju.

Meta wieħed minn ħutna ħa t-tifojde fi żmien il-gwerra, biex jipproteġuna mill-periklu tal-kontaminazzjoni, għal xi żmien, aħna ż-żgħar, wara ċ-ċena, wara li konna naħslu wiċċna u idejna bl-ilma bil-krisol, konna mmorru norqdu għand Dun Karlu fil-kanonika. Imma qabel, flimkien miegħu, konna mmorru fil-knisja, b’xi bozza tixgħel u fis-skiet, biex ngħidu t-talba ta’ fil-għaxija.

Id-doveri tiegħu ta’ saċerdot

Ma kienx jonqos mid-dover tiegħu ta’ saċerdot. Is-saċerdoti kellhom, dak iż-żmien u għad għandhom illum, l-obbligu li jagħmlu ġimgħa rtir spiritwali kull sena. Sena minnhom mar għall-irtir fil-kulleġġ ta’ San Alwiġi, B’Kara. Meta ġie lura, l-mamà ndunat li kien ħalla s-sarvetta warajh. Kelli mmur għaliha jien.

Iċ-ċaħda u l-mortifikazzjoni

Iċ-ċaħda u l-mortifikazzjoni kienu parti minn ħajtu. Jien niftakar li qatt ma rajtu jiekol frotta wara l-ikel. ll-ħelu, il-ġelat u dak kollu li jissodisfa l’gula, qishom ma kienux jeżistu għalih. Iva, kien hemm però l-kafè u l-pipa. Meta kien beda jħoss l-uġiegħ tal-anġina, xi ħadd issuġġerilu jiekol il-bżar aħmar biex jiddilata l-vini. Kulljum, waqt l-ikel kien iqatta bżaru jew tnejn u jiekolhom ftit ftit mal-ikel. lmmaġinaw xi ħruq kien iħoss f’ħalqu. Jien kont nitbellaħ narah jieklu għax darba, b’kastig, kien iġgħelni nixrob il-brodu biż-żerriegħa ta’ bżaru ġo fih. Jien naf il-ħruq li ħassejt.

Imħabba għall-mużika u l-Kant Gregorjan

Dun Karlu kien iħobb immensament il-kant, speċjalment il­-Gregorjan, u l-mużika. Kien jaf idoqq il-vjolin, l-oboe, l-armonju, u meta marad, peress li ma kienx jiflaħ jonfoħ, kien qabad jistudja l-vjolinċell. Wieħed mill-mumenti ta’ rikreazzjoni tiegħu, kien il-prova ta’ nhar ta’ Tnejn mal-orkestra ta’ ħuna Bertie f’Tas-Sliema. Ġieli (kien jieħu miegħu lili u lill-oħti. Il-karozza Fiat tal-kappillan, bil-ħorn partikulari tagħha, kienet magħrufa mill-parruċċani kollha. Hobby li kellu kien it-tiswija tal-arloġġi, speċjalment l-iżveljarini. “Sur kappillan, ma ġejtx għall-quddies għax l-iżveljarin tħassarli.” “Iva! Tiehuli, nirranġahulek jien.”

Ħin mal-familja

Kultant kienet tiġih il-ħerqa għall-baħar. Darba, fis-sajf, fettillu jrid imur jgħum. Morna, hu, jien u ħuna George, r-ramla tal-Mellieħa meta kien ġa dalam, għal x’id-disgħa ta’ fil-għaxija. Wara xi għaxar minuti snieni bdew iċekċku u ħriġt niġri mill-ilma. Meta l-oħrajn xebgħu, telgħu u ġejna lura d-dar. Darb’oħra morna nistadu bil-mitlaq ħdejn il-Blue Grotto. ls-sur Grixti tal-Laundry krielu dgħajsa mingħand ħabib tiegħu miż-Żurrieq. Tlaqna minn Wied iż-Żurrieq flimkien ma’ sid id-dgħajsa. Wara li konna xi ftit weqfin nistadu, ċ-ċafċifa tal-baħar ħarbtitli l-istonku u kellhom iniżżluni l-art fil-Blue Grotto u meta xebgħu jistadu ġew jiġbruni.

Fuq kollox, Dun Karlu kien saċerdot tad-dover, marbut mal-parroċċa daqs raġel ma’ martu. Meta faqqet il-gwerra aħna tlaqna mid-dar lejn il-Mensija. Wara xi żmien sabilna dar fl-Imġarr ta’ Malta permezz tal-ħabib tiegħu Mons. Edgar Salomone. Imma hu baqa’ dejjem il-Gżira, fidil għad-dover tiegħu lejn il-merħla li l-Arċisqof Mons. Mawru Caruana kien fdalu, allavolja kien jibża’ tremendament mill-“air-raids”.

Is-salib tiegħu kien il-flus

Kien qisu jibża’ minnhom. ll-kaxxaforti tiegħu kienu l-bottijiet vojta tat-tabakk. ll-mamà, armla bi tmint itfal, kultant kienet tibgħatni għandu: “Qaltlek il-mummy, għandek xi ħaġa tal-flus biex tmur tixtri?” “Ħa nara hawnx xi ħaġa.” U kien jgħaddi saqajh minn bott għall-ieħor, u meta jsib xi haġa: “Ħa, tiegħha dawn.” Ġieli kien isejjaħli biex ngħinu jikkontrolla t-kotba tat-kontijiet tat-parroċċa biex jeħodhom il-Kurja. Xi drabi ma kienux jaqblulna. “Fred, qbiżna xi ħaġa. Ħa nerġgħu nibdew,” sa kemm kollox kien jirrizulta eżatt. ll-kontijiet tiegħu personali, però, qatt ma kien jikkontrollhom.

U wasalna għall-konklużjoni

Dak li għidna ma kellu lanqas id-dell ta’ ideja ta’ ftaħir. Ippruvajt impinġielkom xi ħjiel tal-figura ta’ Dun Karlu, minn kif kont nafu jien, biex ikollkom ideja tal-persunalità tiegħu f’din l-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni tal-ħamsin sena minn mewtu, waqt li ħaddieħor ħaseb biex ifakkru u jurih fix-xbieha tiegħu permezz ta’ bust, il-lejla tal-ġibs u l-quddiem tal-bronż. Nirringrazzja minn qalbi, anke għan-nom tal-membri tal-familja tiegħi hawn preżenti l-lejla u tal-oħrajn imxerrda mad-dinja, lill-benefatturi ta’ din l-opra hekk sabiħa.

Il-Kappillan Carlo Manché – “Nisrani Kbir”
Mill-Mons. Prof. Arturo Bonnici
Biografija ppublikata fl-1975
għall-25 anniversarju mill-mewt
tal-Kappillan 
Carlo Manché
Fil-50 Anniversarju mill-mewt
ta’ Kappillan Carlo Manché
Minn Dun Alfred Manché
Omelija mogħtija fil-Gżira
fis-17 ta’ November 2000
Ritratti mill-ħajja qasira
tal-Kappillan Carlo Manché