Biografija

Il-Kappillan Karlu Manché – "Nisrani Kbir"

Mill-Mons. Prof. Arturo Bonnici, DD, BA, BL Can, HEL

Taħt dan it-titlu deher apprezzament fit-“Times of Malta”, miktub wara l-mewt tal-Kappillan tal-Gżira, Dun Karlu Manché, minn Mr A Turnham, ex-Protestant Ingliż, ikkonvertit minnu għall-Kattoliċiżmu.

“Is-sabar, l-altruiżmu u, fuq kollox, il-karità tiegħu (ta’ Dun Karlu Manché) ħallew mnaqqxa fina marka li ma titħassarx, u aħna nġibuh dejjem quddiem għajnejna bħala suċċessur denn ta’ Karlu ieħor (Borromeo), li, żmien ilu, irriforma Milan u għen lill-Knisja f’fażi diffiċli ta’ l-istorja tagħha. Il-prattika assoluta tal-ħajja Nisranija tiegħu, kif Kristu nnifsu għallimha, kienet prodott tal-għaqda tiegħu perfetta ma’ l-imgħallem stess.”

Kienet minnha din l-istqarrija? Dan hu li sejrin naraw f’dan il-ktejjeb maħruġ mis-Socjetà tal-Kleru Christus Rex, 25 sena wara l-mewt tal-maħbub Kappillan Dun Karlu Manché.

Min u x’kien dan “in-nisrani kbir”?

Dun Karlu twieled

Dun Karlu twieled il-Belt fit-22 ta’ Settembru 1905, u tgħammed fil-Knisja ta’ Portu Salvu. Kien wieħed mis-7 itfal li t-Tabib Kirurgu Charles Manché, Logutenent Kurunell fl-Eżerċtu Ingliż, kellu mill-ewwel mara, is-Sinjura Ġużeppina Falzon, u ħu t-8 aħwa l-oħra l-istess tabib kellu mit-tieni mara, is-Sinjura Lukrezja Tanti.

Mill-familja Manché l-ewwel ma kont naf kien in-nannu ta’ Dun Karlu, il-Prof. Lorenzu Manché, oftalmologu imsemmi ħafna qabel ma beda l-karriera tiegħu l-Prof. Lwiġi Preziosi. Niftakar, meta kelli xi 9 snin, ħaduni għandu l-Belt fi Triq Alessandru. Tellgħuni t-taraġ mal-ġenb ta’ Putirjal u wassluni fil-klinika tiegħu. Għamilli viżta ta’ għajnejja u ordnali n-nuċċali. Il-Prof. L. Manché kien xjenzjat magħruf, patrijott u fuq kollox Nisrani ferventi u l-aktar karitatevoli.

Dun Karlu tifel

Lil Dun Karl kont għadni ma nafux, u biex inkun naf xi ħaġa fuq tfulitu mort għand ħuh, il-Prof. Joseph Manché, ex-Rettur ta’ l-Università Rjali, u tlabtu jtarrafli xi ħaġa, u hu beda jirrakkontali kif darba Karlu, għadu tfajjel ċkejken, ħareġ mid-dar tiegħu waħdu. Meta fittxewh mad-dar, il-ġenituri ma sabuhx. Inkwietati ħarġu jfittxuh barra u ma sabuhx. Sa fl-aħħar il-Pulizija qaltilhom li kien ix-Xatt. Niżlu jiġru u sabuh … jiġbed id-dgħajjes. Kmieni ried jixbah lil San Pietru!

Iżjed minn darba, issokta jgħidli l-Prof Manché, ħarġilhom mid-dar. Kien imur fin-negozju ta’ Mortimer u minn hemm kien imur lura d-dar imexxi xi ‘pram’ bil-‘baby’ fiha, li n-nisa Ingliżi kienu jħallu fl-intrata, sakemm jitilgħu fuq kixtru xi ħaġa.

M’għandniex xi ngħidu, il-ġenituri kienu jibgħatuh lura bil-‘pram’ u l-‘baby’. Imma sadattant, povri ommijiet, ara kemm kienu jkunu mnikkta, ma jafux x’sar minn uliedhom. Tgħid dik kienet ix-xewqa fih li jipproteġi lit-tfal li kien jaħseb mitluqin?

L-Edukazzjoni Tiegħu

L-ewwel edukazzjoni reliġjuża u ċivili Dun Karlu ħadha fid-dar mill-ġenituri tiegħu. Kulħadd jaf il-familja Manché bħala familja reliġjożament l-aktar tajba u intellettwalment l-aktar kolta. Soċjalment, imbagħad, kulħadd kien jafha bħala karitatevoli. Min jaf kemm morda b’għajnejhom ikkuraw b’xejn fil-klinika tagħhom il-Prof Lorenzu u ibnu t-Tabib Karlu Manché.

Dun Karlu trabba taħt id-dixxiplina ta’ missier imdorri fis-Servizz Militari Ingliż, u ħareġ dixxiplinat. Qalli ħuh li meta kienu ċkejknin, il-ġenituri tagħhom kienu jlibbsuhom ta’ baħrin. Kienet il-moda taż-żmien, għax jiena wkoll kelli libsa ta’ baħri. Darba meta kien hawn ir-Re Dwardu VII, l-aħwa Manché, libsin ta’ baħrin, marru ħdejn il-kanun tal-Barrakka ta’ Fuq jistennew lir-Re jgħaddi min hemm għas-servizz reliġjuż fil-knisja li kien hemm fejn illum hemm il-“Parcel Post”. Kif raw ir-Re ġej, huma qagħdu fila u sellmulu. Ir-Re resaq ikellimhom. Sab tfal Maltin li kienu jitħaddtu l-Ingliż perfettament, għax dak l-ilsien li kienu jitħaddtu bih fid-dar.

Meta kien ikun liebes ta’ baħri, Karlu kien iħoss ruħu kburi daqs li kieku kien baħri tassew waqt is-servizz. Qalli l-Prof Manché li, meta ħuh kien jilbes dik il-libsa nhar ta’ Ħadd, ma kienx irid jilgħab bħas-soltu ma’ tfajjel ħdejhom imlaqqam “il-Paqqa”. Dan kien iħoss ruħu offiż. Iżda l-għada jerġgħu jibdew jitkellmu u jilgħabu flimkien … għax matul il-ġimgħa Karlu ma kienx fis-servizz!

Sakemm samu joqgħodu l-Belt, Karlu kien jiffrekwenta l-Istitut Malti ta’ Edukazzjoni Kattolika (San Ġakbu) u, billi fi tfulitu ma kienx jitkellem sewwa bil-Malti, il-lezzjoni tal-Katekiżmu kien jagħmilhielu bl-Ingliż Mons. Enrico Dandria.

Għand il-Frères u fil-Liċeo

L-ewwel skola primarja li ffrekwenta l-Kappillan Manché kienet Stella Maris College, immexxi mill-Frères, f’Villa Schinas, fi Triq Ridolfu, Tas-Sliema, għax sadattant il-familja Manché mill-Belt marret toqgħod fil-Gżira.

Dnub li ħadd ma għadu ħaj minn dawl li għallmu lil Karlu f’dik l-iskola, għax kien jagħtina xi tagħrif ieħor dwaru. Minn ħuh sirt naf li Karlu kien iħobb iservi l-qassis li kien iqaddes f’dik l-iskola. Għandhom tassew għax jiftaħru dawk ir-reliġjużi li mill-iskola tagħhom ħareġ student li għamlilhom unur għal għerfu u għal qdusitu!

Mingħand il-Frères huwa għadda għal-Liċeo fejn issokta l-istudji tiegħu, sakemm, fl-1921, għadda l-eżami tal-Matrikola. Jien kont għaddejt dak l-eżami sena qablu, iżda, billi l-kors universitarju kien jibda kull 3 snin, kelli nistenna sena u b’hekk jiena u Dun Karlu bdejna flimkien il-kors tal-Letteratura, jew Preparatorju għat-Teoloġija.

Student universitarju

Ma nafx għaliex Dun Karlu ma qabadx il-kors akkademiku għall-grad tal-Letteratura, għalkemm kien żagħżugħ ferm intelliġenti u kien jippossjedi tajjeb il-lingwa Ingliża u kellu tendenza kbira għall-ilsna kollha barranin. Minħabba f’hekk ġara li hu ma ssemmiex wisq f’dak il-kors.

Iżda malli qabad il-kors tat-Teoloġija, il-folja nqalbet. Deher biċ-ċar li f’dak il-kors sab il-materja għal snienu – it-Teoloġija, l-Iskrittura, id-Dritt Kanoniku. U lili, li kont dejjem niġi l-ewwel fil-Kors Preparatorju, qalibhieli għal kollox, għax matul l-4 snin ma tanix opportunità li ngħaddih fil-punti. Hu kien jiġi l-ewwel u, billi konna tnejn, jien kont niġi l-aħħar. Mhux hekk?

Konna nistudjaw it-tnejn. Nippikaw biex niksbu l-ogħla punti; imma emmnuni, bejnietna qatt ma kien hemm rivalità jew għira. Anzi fis-Seminarju konna l-aktar tnejn li ninġiebu ma’ xulxin.

Ilbisna s-Suttana flimkien

Semmejt is-Seminarju, għax f’Ottubru ta’ l-1924 dħalna t-tnejn fis-Seminarju għal tħejjija aktar viċina għas-saċerdozju. Is-Superjuri tagħna kienu Mons. Arċidjaknu Ġużeppi Apap Bologna – Rettur, Mons. Ġużeppi Darmanin – Viċi-Rettur, u l-Kanonku Teologu (wara Isqof Titolari ta’ Tralles u Awżiljari ta’Malta) Emanwel Galea – Prefett at’ l-Istudji.

Dawn fil-għaqal tagħhom għażlu bħala ġurnata li fiha jlibbsuna uffiċjalment is-suttana l-4 ta’ Novembru, nhar il-festa ta’ San Karlu. Jien ma stajtx nieħu fastidju għax il-Qaddis tiegħi ma jidhirx fil-Kalendarju Ruman.

Kemm konna kuntenti b’dik il-funzjoni! Jien għax qatt ma kont abbati qabel u hu għax kien jilbes iż-żimarra biss għand il-Frères. L-għada, niftakar, morna l-Università u l-Professuri tagħna kollha ferħu bina. It-twajjeb Mons. Karmenu Zammit qalilna: “Ibżgħu għaliha!” Jien, li dakinhar stess li lbistha għall-ewwel darba weħlitli mal-ħadid tat-taraġ u tqattgħetli mill-qadd kont pront għidtlu: “Jien ġa’ qattajtha.” “U lè, ibni, f’sens ieħor qed ngħidlek: Ibża’ għaliha.” Allura fhimt is-sens spiritwali ta’ kliem dak il-Professur qaddis. Qatt qattagħha s-suttana tiegħu il-Kappillan Manché? Hawn xi ħadd li jista’ jgħid: “Iva”?

Manché il-Mużiċista

Il-familja Manché hija magħrufa bħala familja ta’ mużicisti: kulħadd jaf idoqq xi strument jew iżjed. Meta ġie s-Seminarju Dun Karlu ġieb miegħu vjolin, li kien jaf idoqq sewwa, u kitarra, li kien idoqq aħjar (kien jaf idoqq ukoll l-oboè). Wara l-ewwel sena tagħna fis-Seminarju, Dun Ċesarin Attard, li kien idoqq l-armonju fil-kappella, ħa l-Quddiesa u ħareġ. Min kien ser jilħaq minn floku? Ma kien hemm ebda mużiċista ħlief Manché! Imma ma kienx idoqq pjanu jew armonju. Allura dan ġieb konċertina ċkejkna – għadni naraha f’idu – u kien imexxi l-kant tagħna fuqha. Beda, imbagħad, jibqa’ ġewwa waqt il-ħin tal-passiġġata jieħu lezzjonijiet tal-pjanu għand is-Surmast Diacono u, f’kemm ili ngħidlek, beda jdoqq u jmexxina fuq l-armonju.

Dak iż-żmien, fis-Seminarju kien jiġi, nhar ta’ Ħadd, jagħtina lezzjoni tal-kant Patri Karlu, Agostinjan. Meta kienet tibda toqrob xi festa li fiha l-Arċisqof Caruana kien jixtieq li nkantaw aħna s-Seminaristi l-kant Gregorjan, kien jiġi hu stess jgħallimna u kien jinkariga lil Dun Karlu biex isaħħaħna aktar fl-intervall. Għadni niftakru biż-żummara bejn subgħajh, iqegħedha f’ħalqu biex jieħu n-nota u b’id waħda merfugħa kien imexxina. Xi ċajta ma kienetx tonqos min-naħa tagħna u hu jitbissem. Sadattant inqata’ l-kant bil-vuċijiet f’San Ġwann u Manché kien iħejjina ħa nkantaw aħna xi Quddiesa Gregorjana.

Għal xi żmien Dun Karlu kien prefett tagħna. Kellu difett. Malli jqum filgħodu jew wara nofsinhar, kien joħroġ miċ-ċella iżjed rieqed milli mqajjem u aħna nimbuttawh ‘l hawn u ‘l hinn biex inqajmuh. U hu kien donnu jiggostana iħallina nimbuttawh. Dan id-difett, qalilna s-Sur Ġann Cauchi, baqa’ fuqu, ukoll meta kien Kappillan, iżda, żied jgħidilna, meta kienu jiġu għalih għal xi assistenza bil-lejl, in-ngħas kien itirlu għal kollox, tant kienet tkun qawwija r-rieda tiegħu li jaqdi dmiru sewwa.

Bniedem eżatt

Iċ-ċella ta’ Manché fis-Seminarju kienet qisha kamra ta’ pupa. Kollox f’postu u nadif, sodda mifruxa pulit, skrittorju, jew skansija, kif konna nsejħulha, bil-kotba kollha fl-ordni. Ħalluni nirrakkontalkom din. Mela darba, il-Ħadd, qabel ma ħriġna għal San Ġwann fettilli nagħmel ċajta miegħu. Kif ħareġ, dħaltlu fil-kamra u qallibtlu kollox. Kotba ‘l hemm u ‘l hawn, buġija maqluba, siġġu rasu l-isfel, is-sodda biss ma missejtlux. Qattus it-Torok, dak inhar, waqt li konna għadna San Ġwann wasal xi Prelat minn barra u ġie jdur is-Seminarju. Ir-Rettur, li kien jaf kif soltu jżomm tajjeb il-kamra Manché, aħjar minn tagħna l-oħrajn, biex jagħtih sinjal ta’ l-ordni li kien hemm fis-Seminarju, fettillu jdaħħlu fil-kamra ta’ Manché. Tistgħu taħsbu kif baqa’ mistgħaġeb u mmortifikat ir-Rettur meta sab dak it-taqlib! Meta rġajna lura, ir-Rettur sejjaħlu u qallu bit-taqlib li sablu fil-kamra. “Ma nafx,” wieġbu Manché, “jiena l-kamra ħallejtha bħas-soltu.” Meta qalilna b’din il-praspura, stqarrejt dnubi u tlabtu skuża. Imma ma’ Manché ma kienx hemm għalfejn wieħed jiskuża ruħu, ukoll jekk jagħmillu d-deni għal t’apposta, aħseb u ara, jekk wieħed jiċċajta miegħu innoċentement u ċ-ċajta tisfa ta’ ħsara.

Dun Karlu ma kienx bniedem skrupluż, iżda kien ta’ kuxjenza delikata ħafna. Niftakar li għamel xi żmien, meta kien jistudja fuq il-materja ‘de sexto’, kien jilbes l-ispellizza biex iżomm ruħu merfugħ lejn is-Sema wkoll meta jaħseb fuq il-ħwejjeġ ta’ l-art. Jidhirli li kien qalilna li hekk qara li kien jagħmel Sant’Alfons de’ Liguori jew xi qaddis ieħor, ma nafx.

Fis-Seminarju ma kienx permess li s-seminaristi jpejpu ħlief tliet sigaretti kuljum, wieħed wara l-kafè, ieħor wara l-pranzu u t-tielet wara ċ-ċena. Dun Karlu kien iħobb ipejjep is-sigaretti, u kien iħoss leblieba biex ipejjep matul il-ħin ta’ l-istudju, iżda r-rabta tar-regola kien iħossha wkoll. F’din il-ġlieda, sab kompromess, li ġie approvat mis-Superjuri, iżjed għax ġie ssuġġerit minn Manché milli għax jaqta’ l-abbużi, li s-sigaretti kienu jistgħu jinqasmu f’sitt nofsijiet u jitpejpu 3 nofsijiet fil-ħinijiet preskritti, u t-3 nofsijiet l-oħra waqt l-istudju.

Jordna Qassis

Wara l-eżamijiet ta’ l-ewwel sena tat-Teoloġija bdejna nordnaw: fit-18 ta’ Settembru 1925 ħadna t-Tonsura fis-Seminarju u l-għada rċevejna l-Ostjarjat u l-Lettorat; fit-18 ta’ l-istess xahar fis-sena ta’ wara ħadna l-Eżorcistat u l-Akkolitat. Fl-24 ta’ Settembru 1927 ordnajna Suddjakni, jew intrabatna, kif konna ngħidu dari. Fl-24 ta’ Marzu ta’ l-1928 ħadna d-Djakonat. Fit-22 ta’ Settembru ta’ dik is-sena ordnajna qassisin. L-ordinazzjonijiet tagħna għamilhomna kollha l-Arċisqof Mawru Caruana fil-Katidral, barra minn dik tad-Djakonat, li saret San Ġwann. Dun Karlu qaddes l-ewwel quddiesa solenni tiegħu fil-knisja hekk imsejħa “tal-ġebla”, il-Parroċċa tal-Gżira. Din saret mingħajr pompa kbira fit-23 ta’ Settembru.

Fl-1 ta’ Ottubru ħadna l-Lawrja tat-Teologija u l-Baċellerat tad-Dritt Kanonku. Dun Karlu, kif għidna, kien ġie l-ewwel fil-kors u rebaħ ‘scholarship’ biex jistudja f’xi Università ta’ barra. Huwa għażel li jmur Ruma, fejn għamel kors ta’ sentejn fl-Università Gregorjana u ħa d-Dottorat tal-Filosofija.

Dun Karlu lingwista

Dun Karlu kien jippossjedi tajjeb il-lingwa Ingliża, jitkellem fluwenti bit-Taljan u jikteb tajjeb bil-Latin. Kien jaf ukoll il-Franċiż, l-Ispanjol u t-Tedesk. Darba minnhom ġiet zija tiegħu mill-Ġermanja u Dun Karlu, għadu Seminarista, xtaq jibda jkellimha bit-Tedesk. Beda jitgħallem dak l-ilsien u jipprattikah magħna u f’kemm ili ngħidlek tgħallem dak l-ilsien perfettament. Nisħajjilkom tgħiduli: kif tista’ tgħidu dan? Nista’, għaliex, meta kont għadni assistent-segretarju ta’ l-Arċisqof, darba ġiet il-Kurja sinjorina Awstrijaka jew Ġermaniża titlobni niktbilha għad-dispensa għaż-żwieġ, għax l-għarus tagħha kien Protestant. Lili ma kellmitnix bit-Tedesk, għax ma nafx ħlief ‘Ja’ u ‘Nicht’ imma lil Dun Karlu, li kien il-Kappillan tagħha, kienet tkellmu b’dak l-ilsien. Waqt id-diskors qaltli li dan kien jitkellem perfettament il-lingwa Tedeska: il-kliem preċiż tagħha kien “Jitkellem it-Tedesk daqs Tedesk.” Bilħaqq, nsejt ngħidilkom li kien imqabbad ġmielu fl-ilsien Ebrajk, li konna nistudjaw ma’ l-Iskrittura Mqaddsa fl-Università. Għadni nġib quddiem għajnejja l-ittri ta’ l-alfabett miktubin minnu; kienu sbieħ u eżatti daqs dawk stampati fil-kotba Lhudin. Kellu idejh soda fil-kalligrafija. Dan kien żgur prodott ta’ l-iskola tal-Frères. (Jiena nidher li ma mort qatt f’dik l-iskola.)

Jibda l-Karriera Ekkleżjastika

Qassis spiritwalment u intellettwalment format mhux ta’ min jitilfu minn taħt idejh, fi Djoċesi. Għalhekk, meta Dun Karlu Manché ġie lura minn Ruma, l-Arċisqof Caruana fdalu l-karika ta’ Viċi-Parroku fil-Gżira u fl-istess ħin tah il-karika ta’ Prefett ta’ l-Istudji fis-Seminarju Arċiveskovili. Sun Karlu qeda ż-żewġ karigi fedelment; iżda ma kienx għadu qed iħoss ruħu f’postu.

Il-Bambin kien sejjaħlu għal ħajja pastorali akbar. Mal-mewt tal-Kappillan tal-Gżira Dun Anton Manché, li kien terzo kuġin ta’ Karlu, Mons. Caruana nnomina lil Dun Karlu Kappillan ta’ dik il-parroċċa, li kienet bdiet issir importanti. Fit-12 ta’ Marzu 1935, il-Kappillan il-ġdid ħa l-pussess tal-parroċċa, fost il-ferħ tan-nies li kienu ħa jafuh għat-tjieba, il-ħidma u l-għerf tiegħu.

Jekk, kif rajna, Dun Karlu idda fl-istudji u fil-mużika, issa narawh jiddi fil-karriera tiegħu pastorali. Dun Mikelanġ Camilleri ġiebli salt karti bi stqarrijiet sinċieri u ta’ min joqgħod fuqhom, magħmulin minn nies li kienu jafu sewwa lill-Kappillan il-ġdid, għexu u ħadmu miegħu fil-parroċċa. Minn dawn l-istqarrijiet slitt dan li ġej dwar il-virtujiet, il-ħidma u ċ-ċaħdiet ta’ Dun Karlu Manché.

Ir-Ragħaj Tajjeb

L-ewwel xogħol tiegħu fil-parroċċa bħala Kappillan kien li organizza l-kleru tal-parroċċa. Biex iġiegħel lill-qassisin iħossu li huma familja waħda minnhom biddel id-dar parrokkjali f’dar kanonika (‘presbitery’). Hemmhekk il-ħidma tal-parroċċa setgħet tiġi studjata, imħejjija u mwettqa bi spiritu ta’ fraternità u ko-operazzjoni.

Fit-tieni lok, Dun Karlu ħaseb biex jispiċċa l-bini tal-knisja li għaliha kien jiġbor sa minn meta kien kjeriku, biex igħammarha u jsebbaħha, kif jixraq lit-Tempju t’Alla. Huwa kien qassis progressiv moderat (mhux anti-tradizzjonali). Kien minn ta’ l-ewwel li daħħal il-bankijiet flok is-siġġijiet, biex jinżamm aktar l-ordni; ma riedx ħafna artali, biex 1-artal maġġur jibqa’ ċ-ċentru tad-devozzjoni; għamel konfessjunarji kbar u magħluqin għall-libertà u l-kumdità tal-penitenti; fittex li fil-funzjonijiet sagri jinstemgħu fil-knisja kant u mużika li jiġbduk u jwassluk lejn Alla.

Konfessur u Oratur Ftit Bħalu

ln-nies li semmejna kważi kollha semmew li Dun Karlu kien iħares lejn il-konfessjunarju bħala post fejn jista’ jagħmel l-aktar ġid, u qalu li hu kien iħobb iqarar għal żmien twil, sija filgħodu kif ukoll filgħaxija. Kollu paċenzja u bi kliem ħelu u tas-Sema kien iwissi lill-penitent u iħejjih għall-maħfra. Kien ukoll iħajjar lil xi penitenti għall-vokazzjoni reliġjuża jew ekkleżjastika. Qaltilna Suor Clotilde Schiavone, Agostinjana, li kienet tqerr għandu, li fil-qrar bi kliemu kien jixgħelek bl-imħabba t’Alla.

Jirrakkontaw li darba, fil-11 ta’ bil-lejl, mar iħabbatlu l-bieb raġel biex iqerr. Il-Kappillan fetaħ il-bieb, daħħlu u qarru. X’konsolazzjoni kbira kienet għalih li ma bagħtux lura, meta l-għada sema’ li dak il-penitent miet.

Arma oħra f’idu għall-ħidma pastorali kienet il-predikazzjoni. Għaliha l-Kappillan Manché kien iħejji ruħu minn qabel bil-qari ta’ kotba spiritwali u bil-meditazzjoni. Għalhekk lil min kien igħidlu “prosit” wara xi priedka, kien iwieġbu: “Prosit lill-awturi li qrajt.”

Kull nhar ta’ Ħadd kien jagħmel żewġ lezzjonijiet tal-Katekiżmu: waħda għat-tfal fit-3 p.m. u l-oħra, f’ħin li deherlu li kien l-aktar adattat għall-kbar. Qalulna xi xhieda li, għalkemm kultant il-prietki tiegħu kienu ftit twal, il-Knisja kienet tkun mimlija u ħadd ma kien jiddejjaq, tant kien ħelu u persważiv fi kliemu. Anzi qalulna, kienu jiġu jisimgħuh ukoll xi nies minn barra l-parroċċa. Ġieli stidnuh jagħmel xi prietki ta’ eżerċizzi lill-kleru u lis-sekulari u lill-istudenti. Ġieli mar l-Arċisqof Gonzi stess jisma’ xi priedka tiegħu. Tant il-qassisin kif ukoll is-sekulari kienu jitħaddtu tajjeb fuq il-prietki tiegħu .

Billi Dun Karlu kien jitħaddet tajjeb bl-Ingliż u kellu tagħrif sħiħ tat-Teoloġija, hu kien strument l-aktar siewi f’idejn Alla għall-konverżjoni tal-Protestanti f’Malta. Għandu ta’ spiss kienu jmorru nies tas-Servizzi: piloti, baħrin u suldati, ħalli jgħallimhom il-Katekiżmu qabel ma jitgħammdu. Kappillani oħra wkoll kienu jħobbu jibagħtuhom għandu.

Barra minn dan, il-Kappillan kellu pinna tajba u kien jikteb artikoli imħeggin fil-ġurnali.

Kif qalilna Dun Dward Corrado, u kif niftakar ukoll jien, meta konna nagħmlu s-soluzzjoni tal-kas u kien imissu jippresiedi 1-Kappillan tal-Gżira, s-soluzzjoni tiegħu kienet tkun tant ċara u sempliċi li kullħadd kien joħroġ sodisfatt.

Devot ta’ l-Ewkaristija u tal-Madonna

Qalulna x’uħud informati tajjeb li l-Kappillan Manché, avolja għajjien mix-xogħol tal-jum, kien ta’ spiss iqatta’ biċċa mil-lejl jagħti qima u jimmedita quddiem it-Tabernaklu Mqaddes fil-knisja.

Il-festi li l-aktar kellu għal qalbu l-Kappillan Manché kienu l-festa ta’ “Corpus Domini”, dik tal-Qalb ta’ Ġesù u dik tal-Madonna tal-Karmnu, il-patruna tal-parroċċa tiegħu. Kien ukoll devot ta’ San Ġwann Battista de la Salle, il-fundatur tal-Frères, li tiegħu ried ukoll li jsirlu kwadru fil-knisja, impitter minn Gwido Calì.

Dmir u sagrifċċju

Tiftakru li kont għidtilkom li Dun Karlu kien iħobb ipejjep is-sigarretti. Maż-żmien beda jpejjep il-pipa u wħud mill-parruċċani ipinġuhulek bħala l-Kappillan, bil-kappa fuq spalltu (fix-xitwa) u l-pipa f’ħalqu, ħiereġ bil-lejl mas-Sagristan, ma’ xi qassis jew mal-pulizija, jagħmel ir-ronda mal-parroċċa biex jaqta’ kemm jista’ jkun 1-abbużi. Qalulna li ġieli kellu xi theddid min-nies malintenzjonati li joqtluh jekk jissokta jagħmel dak id-dmir tiegħu iżda hu ma beża’ qatt mit-theddid.

Kif qalilna Antonju Grima, li kien sagristan tal-Gżira, u għen ħafna lill-Kappillan Manché fil-ġbir ħalli tiġi mgħammra kif xieraq il-knisja, meta bdiet il-gwerra ta’ 1-1939, billi ma kienx hemm ‘shelters’, il-Kappillan kien jiftaħ il-bibien tal-kampnari biex in-nies jistkennu hemm taħt. U flimkien ma’ Dr. Colombo ħabrek ħafna biex jttħaffru ‘shelters’ mill-aktar fis. Kappillan u tabib kienu dejjem lesti biex malli tigri xi diżgrazzja bil-bombi, imorru jiġru biex jgħinu spiritwalment u fiżikament il-midrubin.

Bniedem ta’ ċaħda

Il-Kappillan Manché għadda ħajja mortifikata ‘il bogħod mill-ixxi u l-ħsejjes tad-dinja. Barra miċ-ċaħda tal-familja, li għamel biex jgħix ma’ sħabu l-qassisin, huwa kien jinfatam minn dak kollu li ma kienx meħtieġ. Beda biex mid-dar parrokkjali ma żammx ħlief żewġt ikmamar għalih – kamra tas-sodda u uffiċċju parrokkjali, mgħammrin miżerament. U ftakru, Dun Karlu ma kienx ġej minn familja kamarrotta, iżda minn familja li ma kien jonqosha xejn. Għalhekk, iċ-ċaħda kienet tinħass aktar. L-unika ħaġa ta’ lussu (jekk nistgħu nsejħulha hekk illum) kien ir-radju, għax il-mużika għalih kienet żfog u rikreazzjoni. Kien jgħid li kien jistrieħ ukoll fil-moħħ u fil-ġisem meta kien imur jiekol mal-Frères ta’ Stella Maris College tal-Gżira, jew meta kien isewwi xi arloġġ.

Kien jiċċaħħad mix-xorb, mill-ħlewwiet u mid-diżerti. Darba minnhom, qaltilna oħtu, is-Sinjura Mary Borg Manché, Dun Karlu mar jiekol għandhom u, wara l-ikel offrewlu xi frotta bħala diżerta. “Biex tiekol il-frott,” qalilhom Dun Karlu, “jenħtieġ li taħdem għalih. Il-frott tagħna fid-dinja 1-oħra.”

Dawk li taw xiehda, kollha qalulna li 1-Kappillan Manché kien qassis l-aktar karitattiv u generuż. Dak li kellu ma kienx tiegħu, għax malajr kien iqassmu lill-fqar u lil min jitlobhulu, avolja x’uħud kienu jidħku bih. Qalilna xi ħadd li qatt ħadd ma mar għandu jitolbu karità u ħareġ b’idejh vojta. Kien ta’ spiss igħin lin-nisa li kienu fil-periklu li jitilfu ġieħhom minħabba n-nuqqas ta’ flus. Sirna nafu li xi ħwejjeġ, li hu jkun xtara għalih jew iddobba minn għand tal-familja, kien jasal biex jagħtihom ukoll, u jżomm għalih il-qodma.

Qalilna Mons. Karmenu Farrugia, ex-Kappillan ta’ San Girgor, li kien sema’ li Dun Karlu Manché xtaq japplika għall-professorat tal-Filosofija fl-Università tagħna (u kien jixraqlu dak il-post u kien kapaċi għalih) mhux għall-unur, iżda biex jaqla’ flus aktar, ħalli jkollu iżjed xi jqassam bejn il-fqar. Iżda sab li iż-żewġ karigi kienu inkompatibbli, u baqa’ ma applikax. “Kemm għamel karità mal-fqar Alla biss jafu, qalulna xi xhieda.

Il-ġenerożità tal-Kappillan Manché kienet xi ħaġa straordinarja, biex ma ngħidx esaġerata. Mur għandu, urieh li għoġbitek xi ħaġa milli kellu u kien isaqsik: “Togħġbok? Tridha? Ħudha.” Qalli l-Prof. Manché li darba ralu Bibbja qadima prezzjuża. Ħadha f’idejh u wera li kien qed japprezzaha. Qallu 1-Kappillan ħuh: “Togħġbok? Hudha.” “Ma tarax, ser neħodhielek Bibbja bħal din?” Jekk ma teħodhiex inti, jeħodha ħaddieħor.” “Biex jeħodha ħaddieħor, neħodha jien.” U 1-Professur ħadha u għadu jgħożżha b’rikordju.

Qalilna Dun Manwel Zammit li darba Dun Karlu talab lill-Arċisqof Gonzi bil-miktub biex iħallih jidħol Patri Karmelitan. L-Arċisqof wieġbu: “Nitolbok tirtira t-talba tiegħek, għax il-missjoni tiegħek ta’ kappillan tal-Gżira għadha ma spiċċatx.”

Ħabb ir-Reliġjużi u l-Għaqdiet

11-Kappillan ma stmellx li jkollu fil-parroċċa l-għajnuna, mhux biss tal-qassisin , imma wkoll tar-reliġjużi u tas-sekulari. Fi żmienu, il-Frères fetħu 1-kullegg kbir u sabiħ tagħhom taħt 1-isem qadim ta’ Stella Maris College, fejn il-Kappillan kien ta’ spiss imur jippriedka jew jiffunzjona. Daħħal ukoll fil-parroċċa is-Sorijiet Agostinjani, li fetħu kunvent, knisja u skola. Kien konfessur, konsultur u benefattur tagħhom.

Fi żmienu wkoll ġiet inawgurata l-Azzjoni Kattolika u l-Legion of Mary.

Biex jiġbed in-nies dawwar il-bitħa tad-dar parrokkjali f’teatrin u ħaseb biex iwaqqaf banda mmexxija mill-Azzjoni Kattolika. Infatti il-president ta’ din l-għaqda, li kien kuġinuwi Karmenu Grixti, kien president tal Mount Carmel Band.

Prezzjuża l-Mewt tal-Qaddisin

Tgħid l-Iskrittura: “Prezzjuża quddiem il-Mulej il-mewt tal-Qaddisin tiegħu.” Għalhekk, il-mewt tai-Kappillan Karlu Manché, li għex ħajja qaddisa, ma setgħetx ma tkunx prezzjuża quddiem Alla. Meta miet ma kellux ħlief 45 sena. Żmien qabel il-mewt tah attakk ta’ trombosi. Il-Frères offrewlu u riedu jirranġawlu biex imur jistrieħ fil-Casa Madre tagħhom ġewwa Ruma. Jingħad li l-Arċisqof ried jagħmlu Monsinjur, ħalli jserrħu mill-piż tal-parroċċa. Iżda hu, bħal suldat qalbieni, ried imut bix-xabla f’idu fuq il-kamp tal-battalja.

Tlitt ijiem qabel ma miet, qalilna ħuh il-Professur, Dun Karlu mar għandu, u dan bħala tabib eżaminah u qallu: “Fittex mur id-dar u idħol ġos-sodda.” ld-dar mar, iva; iżda fis-sodda ma daħalx, għax ried jissokta jaħdem għall-parroċċa. ls-saħħa tiegħu ssuktat tagħti sinjali ċari li l-mewt ma kienetx fil-bogħod. infatti, fit-18 ta Novembru – kien is-Sibt – it-tabib ordna li jingħatawlu l-aħħar Sagramenti. Issejħu kif kien jixraq, il-membri tal-familja. Resaq ħdejh Patri Wiġ Cutajar tal-Karmelitani jikkonfortah. Dun Karl b’devozzjoni kbira bieslu l-Labtu tal-Madonna. L-aħħar Sagramenti ġewlu amministrati minn Dun Dward Corrado. F’dak il-lejl stess Dun Karlu Manché reħa r-ruħ tiegħu f’idejn Alla. L-għada kellha tibda f’dik il-parroċċa l-Missjoni l-Kbira. Tgħid il-Kappillan, osserva wieħed mix-xhieda li kellimna, offra ruħu vittma ‘l Alla, biex issir il-konverżjoni tal-midinbin tal-parroċċa matul dik il-Missjoni?

Il-Funeral

L-għada, il-Hadd, sarlu l-funeral. Għaddewh mit-triqat tal-Gżira, imlibbes ilbies sagru, ġo tebut mikxuf. Erba’ kappillani sħabu żammew il-faldrappa, u warajh imxew il-qraba tiegħu, ir-rappreżentant ta’ l-Arċisqof, il-Ministru ta’ l-Emigrazzjoni, li Speaker tai-Kamra Legislativa, il-Leader tal-Partit Kostituzzjonali, korp kbir tal-kleru djocesan u religjużi l-għaqdiet Kattoliċi u l-istudenti universitarji.

Il-bnadar fil-Gżira kienu kollha mezz’asta, il-bibien tad-djar magħluqa, il-ħwienet bil-faxxa tal-vistu, l-irġiel libsin l-ingravata sewda. Luttu u biki ma’ kullimkien.

Ma kellu xejn u ħa ħafna miegħu

X’ħalla warajh il-Kappillan Manché? Sodda tal-ħadid bit-twavel, saqqu tal-ħaxixa u żewġ imħaded tar-rix, siġġu. mejda, senduq żgħir mimli mbarazz, xkaffa bi ftit kotba, arloġġ u żarbun imqatta’. Qalilna Dun Dward Corrado li ma jafx jekk il-Kappillan Manché ħalliex xi ħaġa tal-flus; jaf biss li hu qatt ma ralu flus ħlief dawk tal-knisja. Il-Prof. Manché żied igħidli: “Mhux biss ma ħalliex flus warajh ħija, iżda kellna nħallsu dejn ta’ £400 li ssellef mill-Kurja għall-ġid tal-parroċċa u kien għadu ma ħallashomx.” L-aħwa Manché kienu tant ġentili li ħarġu tant kull wieħed u ħallsu dik is-somma. Flok wirtu ħallsu. Imma Alla għad iħallashom bil-mija fil-wieħed.

Il-Kappillan Karlu Manché ma ħalla xejn warajh għax kull ma kellu qassmu lill-fqar u nefqu għall-ġid tal-parroċċa tiegħu. Imma miegħu ħa l-eluf u eluf ta’ opri tajba u qaddisa li għamel f’ħajtu. U Alla żgur tah il-premju tagħhom fis-sema.

Is-soċjetà tal-Kleru Christus Rex qed tippublika din il-biografija biex tagħti ġieh lill-Kappillan Karlu Manché fl-okkażjoni tal-25 anniversarju tal-mewt tiegħu fl-1975. Il-Christus Rex tirringrazzja b’mod speċjali lil Mons Prof Arturo Bonniċi li aċċetta li jikteb din il-bijografija tal-Kappillan Manché.

Is-Soċjetà tirringrazzja wkoll lil dawk kollha li taw xi tagħrif dwar il-Kappillan Manché, fosthom Chev. Joseph Borg, is-Sur Hector Borg, is-Sinjura Mary Borg Manché, Dun Anton Calleja, is-Sur Ġann Cauchi, Dun Dward Corrado, Patri Wiġ Cutajar OC, is-Sur Antonio Farrugia, is-Sur Joseph Formosa Holt, is-Sur Antonio Grima, is-Sur Mabbli Mamo, il-Prof Joseph Manché, is-Sur George Muscat, Bro. Robert Sammut FSC, Suor Eustachia Schembri, Agostinjana, Suor Clotilde Schiavone, Agostinjana, Bro. Emmanuel Sciberras SFC, is-Sur Henry Scicluna, is-Sur Carmelo Tabone, Dun Manwel Zammit.

Apprezzament minn Mr A Turnham ippubblikata fit-The Times of Malta
Karlu Manché fi ċkunitu
Dun Carlo Manché dakinhar li ħa l-Lawrja tat-Teoloġija fl-1928
Dun Karlu Manché ma’ ħuh Prof Joseph A Manché fuq il-lemin tiegħu u missieru l-oftalmoogu Dr Charles Manché
Dun Carlo Manché, Kappillan tal-Gzira
Dun Carlo Manché wara l-mewta prematura tiegħu fl-eta ta’ 45 sena
Il-korteo tal-funeral jasal quddiem il-knisja parrokkjali tal-Gżira
Il-korteo tal-funeral matul ix-xatt tal-Gżira fid-19 ta’ Novembru 1950
Il-korteo tal-funeral fil-Gżira