B’TIFKIRA TA’

Il-Kappillan
Carlo Manché

Qassis Kattoliku li għex ħajja qaddisa fl-ispirtu ta’ l-Evanġelju, ħajja ta’ servizz totali lil Alla manifestat f’bnedmin oħra bħalu.

Merħba

Imwieled fit-22 Settembru 1905 fil-Belt Valletta, il-belt kapitali tal-gżira żgħira Mediterranja ta’ Malta, ir-Reverendu Carlo Manché ġie ordnat saċerdot fil-ġurnata meta għalaq 23 sena. Leħaq Kappillan tal-parroċċa tal-Gżira fl-età żgħira ta’ tletin sena u baqa’ jaqdi dmirijietu hemmhekk għal ħmistax-il sena. Fit-18 ta ‘Novembru 1950 l-ħajja tal-wisq maħbub Kappillan intemmet ħesrem fl-età żgħażugħa ta’ ħamsa u erbghin sena wara li sofra attakk ta’ trombożi xi żmien qabel mewtu.

Ir-ritratti impressjonanti tal-funeral tiegħu li jinsabu fost dawk fil paġna tar-Ritratti meħudin quddiem il-Knisja Parrokkjali tal-Gżira u fit-triq quddiem il-baħar fil-Gżira juru uħud mill-eluf ta’ parruċċani u nies minn kull livell tal-ħajja li ħonqu t-toroq tal-Gżira għall-korteo funebri bit-tebut miftuħ. Ġew bi ħġarhom biex jaghtu l-aħħar tislima lil bniedem kbir li tant influwenza ħajjiethom, jesprimu l-imħabba tagħhom profonda lejh, u juru ir-rispett u l-ammirazzjoni tagħhom għal dan il-qaddej uniku ta’ Alla.

Fil-ktieb tiegħu When Malta Stood Alone (1940-1943) [Meta Malta Sfat Waħeda], Joseph Micallef kiteb dwar l-irwol importanti ta’ Dun Carlo Manché bħala mexxej fil-kostruzzjoni ta’ xelters fil-blat għall-protezzjoni tal-parroċċani tiegħu minn attakki tal-għadu. Id-domanda għax-xelters fil-blat f’Malta kienet żdiedet meta eta l-Ġermaniżi bdew ir-rejds tal-bombi f’Jannar 1941, b’mod partikolari wara l-attakk fuq l-‘aircraft carrier’ HMS Illustrious. Organizzazzjonijiet tal-voluntiera bdew jiġu fformati kullimkien: irġiel, nisa u saħansitra tfal, lkoll għenu biex jinbnew xelters. Huwa kiteb hekk:

Probabbilment l-ewwel grupp organizzat kien fil-Gżira. Fl-20 ta’ Jannar 1941 l-Kumitat Distrettwali Gżira-Msida laqqa’ l-voluntiera flimkien. Irġiel li qatt ma ħadmu b’baqqun u pala, bdew jaħdmu fi gruppi bix-‘shift’, iħaffru fil-blat biex jipprovdu protezzjoni lin-nies tad-distrett. L-ewwel minaturi kienu ir-Rev. Manché DD, il-Kappillan tal-Gżira, u Dr A.F. Colombo MD.

Xi xhieda ta’ episodju li seħħ matul il-gwerra jirrakkontaw meta il-Kappillan Manché kien issejjaħ biex jassisti familja f’dar ġo Triq Stuart, il-Gżira, li kienet għadha kif nqerdet minn bomba tal-għadu. Waħda mill-vittmi kienet mara tqila, li mietet fl-isplużjoni. Il-Kappillan ipprova jsalva l-ħajja tat-tarbija tagħha f’dawk iċ-ċirkostanzi estremi permezz ta’ operazzjoni Ċesarja b’sikkina mingħajr suċċess għax, sfortunatament, it-tarbija kienet mietet m’ommha.

F’artiklu ppubblikat fuq timesofmalta.com fil-11 ta’ Novembru 2012, qassis Malti prominenti li waqqaf il-Moviment ta’ Kana fis-snin sittin, Mons Charles Vella ikkwota silta mill-ktieb tal-il-Professur Henry Frendo, Europe And Empire: Culture, Politics and Identity in Malta and the Mediterranean [Ewropa U Imperu: Kultura, Politics u l-Identità f’Malta u fil-Mediterran],  li titfa’ dawl fuq il-qlubija ta’ Dun Carlo Manché matul it-Tieni Gwerra Dinjija:

Il-Kappillan Manché għen in-nies tiegħu mhux biss bit-talb, iżda b’azzjoni kuraġġuża fl-għajnuna tal-vittmi u tal-merħla tiegħu, li kienu qed jaħarbu mill-Gżira bies jiskennu f’irħula varji iktar salvi fuq il-gżira [ta’ Malta]. Fr Manché ħadem lejl u nhar, filwaqt li bħal ġeneral vera huwa ma abbandunax l-parroċċa. Huwa għen dawk in-nies li sfaw bla dar, il-midrubin u fitte l-ikel għall-poplu, u anke serva fil-‘Victory Kitchens’ kommensali.

Fl-artiklu tiegħu Mons Charles Vella kiteb:

Din hija l-ħajja ta’ Ragħaj Tajjeb, li min dejjem ħabbejt minn żmien l-adoloxxenza tiegħi. Peress li twelidt u tgħammidt fil-Gżira, kont immur għandu biex niġbor iċ-ċertifikat tat-twelid tiegħi. Huwa dejjem laqgħani tajjeb (għalkemm ir-riħa tal-pipa ma kienetx tgħoġobni). Huwa darba qalli: “Inti ser tkun l-ewwel qassis mill-Gżira. Ejja hawn meta inti tiġi ordnat.” Ir-rieda t’Alla wasslitni x’imkien ieħor.

Naħseb li l-Gżira, kif għamlet fl-imgħoddi, għandha terġa tqajjem l-memorja ta’ Dun Carlo Manchè. Plakki tal-irħam waħedhom ma jgħidux l-istorja, imma għandna bżonn li nisimgħu aktar dwaru u nitolbu aktar lil Dun Carlo. Dan l-aħħar iltqajt man-neputijiet tiegħu, Dr Loris Manché u l-Imħallef Albert Manché, u għaI darb’oħra erġajt ġeddidt l-imħabba tiegħi ghal dan il-“ġgant” tal-kleru Malti.

Kieku l-Knisja għamlet studju fil-fond tal-virtujiet erojiċi ta’ dan il-qassis qaddis ftit wara mewtu, kieku s’issa huwa kien ikun diġà iddikjarat Qaddej t’Alla.

Fl-aħħar snin reġa’ kiber l-interess fil-ħajja u l-għemil ta’ Dun Carlo Manché fil-Parroċċa tal-Gżira u fi bnadi oħra.

L-għan ta’ din il-websajt huwa li l-informazzjoni magħrufa dwar Dun Carlo Manché tkun disponibbli għal kull min huwa interessat li jsir jaf aktar dwaru u dwar ħajtu u javvanza l-każ għall-qdusija tiegħu.

~~~~~~~~~~~~

F’Novembry 2022 ġie ppublikat ktieb bil-Malti editjat mix-xandar promimenti Tony Micallef: Il-Kappillan Carlo Manché – “Fi Kliem Niesu”. Il-ktieb fih informazzjoni biografika u stqarrijiet min diversi nies li kienu jafuh sew: parruċċani tal-Gżira, membri tal-familja tiegħu u oħrajn. Il-ktieb jinsab għall-bejgh fuq il-websajt tal-BDL Books. It-tnedija tal-ktieb saret fil-preżenza tal-Isqof Awżiljarju Joe Galea Curmi fil-Knisja Parrokkjali tal-Gżira nhar il-Erbgħa 14 ta’ Diċembru 2022.




Biografija

Il-Kappillan Carlo Manché – “Nisrani Kbir” mill-Mons. Prof. Arturo Bonnici Biografija ppublikata fl-1975 għall-25 anniversarju mill-mewt tal-Kappillan Carlo Manché




Apprezzament

Fil-50 Anniversarju mill-mewt ta’ Kappillan Carlo Manché minn ħuħ Dun Alfred Manché - Omelija mogħtija fil-Gżira fis-17 ta’ November 2000




Ritratti

Ritratti mill-ħajja qasira tal-Kappillan Carlo Manché

Scroll to Top
Skip to content